260 likes | 426 Views
Kelma tal-Ħajja. Marz u 2009. “ Kulma titolbu lill-Missier f’Ismi, huwa jagħtihulkom. ” (Ġw 16,23).
E N D
Kelma tal-Ħajja Marzu 2009
“Kulma titolbu lill-Missier f’Ismi, huwa jagħtihulkom.”(Ġw 16,23)
L-aktar dehra bla sens li tista’ tosserva f’din id-dinja hi li fuq naħa ssib nies bla sabar, ifittxu l-ħin kollu, u fil-provi li jiltaqgħu magħhom f’ħajjithom iħossuhom imdejqin għax jinsabu fil-bżonn u waħedhom; min-naħa l-oħra hemm ir-realtà ta’ Alla, Missier ta’ kulħadd, li xejn ma jixtieq ħlief li juża l-qawwa tiegħu biex jaqtgħalna xewqitna f’dak li neħtieġu aħna, wliedu.
Din hi bħal xi ħaġa vojta li trid xi ħaġa biex timtela u bħal ħaġa mimlija li trid il-vojt fejn titbattal, imma bla ma dawn it-tnejn ikunu jistgħu jiltaqgħu.
Il-ħelsin tal-bniedem jista’ jwasslu għal dan l-iżball. Imma Alla xorta jibqa’ Mħabba għal dawk li jagħrfuh. Isma Ġesù xi jgħid:
“Kulma titolbu lill-Missier f’Ismi, huwa jagħtihulkom.”(Ġw 16,23)
Din hi waħda minn dawk il-kelmiet mimlija wegħdiet li nsibu mtennija minn Ġesù fil-Vanġelu u li tant iġiegħlu ’l bniedem jaħseb. Bis-saħħa tagħhom Hu, b’ħafna tifsiriet, jgħallmek kif taqla’ dak li teħtieġ.
Alla biss jista’ jitkellem hekk. Hu jista’ kollox. Il-grazzji kollha qegħdin għandu: grazzji materjali, grazzji spiritwali, dawk li jistgħu jseħħu u dawk li ma jistgħux.
Imma ismagħni sew. Hu qed jissuġġerilek “kif” trid tippreżenta ruħek quddiem il-Missier bit-talba tiegħek. “F’ismi”, jgħidilna. Jekk għandek ftit tal-fidi, dan il-kliem qasir kapaċi jaqtgħek mill-art.
Ara ftit: Ġesù li għex hawn fostna, jaf bil-bżonnijiet bla tarf tagħna u tiegħek u jitħassarna. Għalhekk, f’dak li għandu x’jaqsam mat-talb, indaħal hu bħal qisu qed jgħidlek:
“Mur għand Missieri f’ismi u itolbu dak li teħtieġ”. Hu jaf li l-Missier ma jistax jgħidlu le għax hu Ibnu u fl-istess ħin Alla.
Għand il-Missier tmurx f’ismek imma f’isem Kristu. Meta inti tmur għand il-Missier f’isem Kristu, ġib ruħek ta’ sempliċi ambaxxatur. In-negozju jimxi ’l quddiem bejn tnejn li jiftiehmu sewwa bejniethom.
Ħafna nsara jistgħu jixhdu għal ħafna grazzji li qalgħu għax huma jitolbu b’dan il-mod. Dawn il-grazzji juruna li l-Missier tagħna jħarsilna ħajjitna b’imħabba kbira.
“Kulma titolbu lill-Missier f’Ismi, huwa jagħtihulkom.”(Ġw 16,23)
Għandu mnejn inti twieġeb hekk: “Tlabt fuq li tlabt f’isem Kristu, imma ma qlajtx!”
Jista’ jkun. Iktar ’il quddiem għedtlek li, f’siltiet oħra tal-Vanġelu, Ġesù jistiednek biex titlob u jkompli jispjega affarijiet li forsi inti ma fhimthomx.
Per eżempju hu jgħid li min “jibqa’” fiH jaqla’ dak li jitlob. Jiġifieri min jibqa’ fir-rieda tiegħu. (…)
Jista’ jkun li int qed titlob xi ħaġa li ma tidħolx fil-pjan t’Alla għalik u li Alla ma jarahiex meħtieġa għalik f’din id-dinja jew fl-oħra. Tista’ titlob xi ħaġa li tkun ta’ deni għalik.
Kif jista’ Hu,li għalik hu Missier, jaqlagħlek dak li qed titlob? Jekk jagħmel hekk ikun qed jidħaq bik. U dan Hu ma jagħmlu qatt!
Għalhekk, qabel ma titlob xi ħaġa, ikun jaqbillek tiftiehem miegħU u tgħidlu: “Missier, jien dan qed nitlobhulek f’isem Ġesù, jekk inti jidhirlek li hu ta’ ġid”.
U jekk il-grazzja li qed titlob tkun taqbel mal-pjan li Alla, flimħabba tiegħu, ħaseb għalik, allura jseħħ il-kliem: “Kulma titolbu lill-Missier f’Ismi, huwa jagħtihulkom.”(Ġw 16,23)
Jista’ jkun li inti qed titlob il-grazzji bla ma inti lest li tqabbel ħajtek ma’ dak li Alla qed jitlob minnek. Jidhirlek li, anki f’dan il-kas, tkun ħaġa ġusta li Alla jisimgħek?
Hu ma jridx biss jagħtik rigal, imma jrid jagħtik il-ferħ sħiħ. U dan il-ferħ niksbuh billi nagħmlu ħilitna biex ngħixu l-Kmandamenti u l-kliem t’Alla. Mhux biżżejjed li taħseb biss fuqhom, jeħtieġlek tgħixhom. Jekk tagħmel hekk, kollox taqla’.
Konklużjoni: Trid taqla’ l-grazzji? Tista’ titlob li trid f’isem Kristu jekk inti toqgħod attent għar-rieda Tiegħu, deċiż li tobdi l-liġi t’Alla.
Alla hu kuntent ħafna li jagħti l-grazzji. B’xorti ħażina ħafna drabi nkunu aħna li nagħlqulu jdejH !!
“Kulma titolbu lill-Missier f’Ismi, huwa jagħtihulkom.” “Kelma tal-Ħajja”, pubblikazzjoni ta’ kull xahar tal-Moviment tal-Fokolari. Kitba ta’ Chiara Lubich, Novembru 1978.Grafika ta’ Anna Lollobis-sehem ta’ FrPlacido D’Omina (Sqallija - Italja)