400 likes | 1.06k Views
L-IMDINA. L-Imdina tinsab fuq g ħolja fin-nofs ta’ Malta. Minħabba f’hekk hi tidher minn kullimkien. Hi belt imdawra b’ħitan għoljin li nsejħulhom swar.
E N D
L-Imdina tinsab fuq għolja fin-nofs ta’Malta. Minħabba f’hekk hi tidher minn kullimkien. Hi belt imdawra b’ħitan għoljin li nsejħulhom swar.
L-Imdina kienet mibnija fuq għolja biex l-għassiesa setgħu josservaw x’kien ikun qed jiġri madwarhom filwaqt li jilmħu lill-għadu ġej minn fuq il-baħar.
Meta kienu jinżlu l-ħallelin tal-baħar, in-nies mill-irħula tal-qrib kienu jaħarbu lejn l-Imdina biex jistkennu fiha. Il-ħallelin kienu jsibu l-irħula ul-irziezet vojta. Meta mbagħad kienu jmorru jattakkaw lill-Imdina u jsibuha magħluqa u mgħassa sewwa bis-suldati, kienu jaqtgħu qalbhom u jmorru lura fuq ix-xwieni tagħhom.
Minħabba f’dawn l-attakki l-Imdina saret l-aktar post importanti ta’ Malta. L-Imdina kienet ukoll il-belt kapitali ta’ Malta. Fl-antik l-aktar nies importanti tal-Gvern u l-Isqof bnew il-palazzi tagħhom hemm.
Fi żmien ir-Rumani l-Imdina kienet ikbar milli hi llum. Min ċekken din il-belt u dawwarha bis-swar u ħaffer foss madwarha? Ma nafux eżatt: jew l-Għarab jew il-Biżantini. Dan għamluh biex ikunu jistgħu jiddefenduha aħjar. Kienu l-Għarab li semmewha Mdina u għadha jisimha hekk sal-lum.
Il-Bieb Prinċipali tal-Imdina Il-Perit Franċiż Francois Mondionfetaħ il-Bieb Prinċipali tal-Imdina.
In-naħa ta’ ġewwa tal-Bieb Prinċipali tal-Imdinajidhru t-tliet qaddisin protetturi ta’ Malta: San Publiju, San Pawl u Sant’Agata.
Il-Palazz Vilhena Dan hu palazz fejn illum hemm il-Mużew tal-Istorja Naturali li jżuruh ħafna tfal tal-iskola u turisti. Isejħulu Palazz Vilhena għax inbena mill-ġdid mill-Gran Mastru Vilhena biex imur joqgħod fih fis-sajf. Darba dan il-palazz kien ukoll sptar. Mal-Granmastru Vilhena huwa marbut ukoll ir-restawr (tindif u rranġar ta’ bini) tal-Imdina
De Vilhena u l-palazz tiegħu Dan il-bini huwa fuq stil barokk, jiġifieri li l-bini u l-faċċati tiegħu jkunu b’disinji kkumplikati.
It-Torri tal-Istandard Fl-antik dan kien torri tal-għassa. Meta kienu jiġu l-ħallelin tal-baħar jew l-għedewwa jattakkaw lil Malta, minn fuq dan it-torri kienu jqabbdu ħuġġieġa. Meta l-Maltin kienu jaraw il-ħuġġieġa, kienu jindunaw li waslu l-għedewwa u jmorru jfittxu l-kenn fl-Imdina. Illum iservi ta’ uffiċju ta’ informazzjoni għat-turisti.
Il-Katidral hu ddedikat lil San Pawl. Fl-1693, sar terremot li għamel ħsara lill-Katidral. Għalhekk waqqgħuh u reġgħu bnewh mill-ġdid. Il-perit tal-Katidral kien il-bravu Lorenzo Gafa’.
Il-Katidral minn ġewwa. Il-Katidral hu magħruf l-aktar għall-koppla maestuża tiegħu.
L-art tal-Katidral hija miksija b'oqbra ta' nies magħrufa, nobbli u monsinjuri tal-Katidral li kienu jgħixu f'dak iż-żmien.
Il-Katidral huwa l-knisja prinċipali tad-Djoċesi Maltija. Jgħidu li fejn hemm il-Katidral, ħafna snin ilu kien hemm il-Palazz ta’ Publiju, il-gvernatur Ruman ta’ Malta li kien laqa’ lil San Pawl għandu. Jgħidu wkoll li xi snin wara kien hemm knisja ċkejkna. Maż-żmien il-Maltin kellhom ikabbru din il-knisja iktar minn darba, għax bdew jaraw li ma kinitx kbira biżżejjed għalihom. Illum għandna l-Katidral.
L-Arċisqof ta’ Malta minn dejjem kellu l-palazz tiegħu fl-Imdina. Dan jinsab imiss eżatt mal-Katidral.
Il-Mużew tal-Katidral Fil-Katidral minn dejjem kienu jużaw affarijiet prezzjużi. Ħafna minn dawn m’għadhomx jużawhom illum (per eżempju: ħwejjeġ liturġiċi bħal dawk li jintlibsu għall-quddies, kalċijiet, statwi, pitturi, reġistri, missali u kotba oħra) Dari dan il-bini kien jintuża bħala seminarju.
Ġewwa t-triq Villegaignon Il-Kappella tal-Karmnu (stil Barokk) inbniet fl-1659.Hawnhekk bdiet ir-rewwixta tal-Maltin kontra l-Franċiżi fl-1798. Dan ġara meta l-Maltin raw lill-Franċiżi se jisirqu d-damask biex ibiegħuh.
Id-Dar Normanna Din hi dar kbira u antika ħafna. In-nies jafuha bħala d-Dar Normanna għax mibnija kif kienu jibnu n-Normanni li kienu jikkmandaw lil Malta ħafna snin ilu. Imma l-isem propju ta’ din id-dar huwa Palazzo Falson. Din tinsab ftit ‘il fuq mill-knisja tal-Karmnu.
Meta ħafna snin ilu l-Kavallieri ġew Malta, il-Gran Mastru L’Isle Adam qagħad f’dan il-palazz għal tmint ijiem. Dan il-palazz huwa t-tieni l-eqdem bini li nistgħu nsibu llum ġol-Imdina. Illum id-dar hi miftuħa għal min irid jarha.
Faċċata tal-kappella ta’ Sant’Agata hemm Casa Inguanez –palazz tas-seklu 14. Dan ukoll jinsab fit-triq prinċipali tal-Imdina, imsejħa Villegaignon. Din hija l-usa’ triq ġewwa l-Imdina.
Toroq ġewwa l-Imdina Illum l-Imdina hija attrazzjoni għat-turisti. Dawn jieħdu gost imorru fit-toroq dojoq u mgħawwġin tagħha u jaraw il-bini sabiħ li fiha.
It-toroq ġewwa l-Imdina kienu dojoq u mserpa biex il-Maltin u l-Kavallieri setgħu jaħarbu u jistaħbew faċilment mill-għadu.
Apparti minnhekk, f’każ ta’ xi attakk il-passaġġ tan-nies ikun limitat u l-vleġeġ ma jwasslux fit-tul. Fl-istess ħin id-djar kienu jkunu protetti mix-xemx.
Fl-1530 Malta giet f’idejn il-Kavallieri ta’ San Ġwann, iżda billi l-istil tal-ġlied kien tbiddel, dawn stabbilixxew ruħhom fil-Birgu. Pero’, minħabba l-attakki spissi tal-furbani Torok, huma komplew isaħħu s-swar. L-Imdina żammewha bħala s-simbolu ta’ awtorita’ fejn kienu jitilgħu l-Gran Mastri biex jieħdu l-ġurament tal-ħatra tagħhom.
Illum l-Imdina m’għadhiex belt importanti bħal qabel. Malli l-Kavallieri ta’ San Ġwann bnew il-Belt Valletta, in-nies importanti tal-Gvern, tal-Knisja u l-kbarat li qabel kienu joqogħdu l-Imdina, bnew il-palazzi tagħhom fil-belt il-ġdida. Minħabba f’hekk l-Imdina tilfet l-importanza tagħha u saret il-belt siekta. Il-Belt Valletta
Entratura oħra għall-Imdina. Bieb il-Griegi, il-bieb l-antik li kien jintuża fis-seklu 15.
Minn fuq is-swar tal-Imdina, in-nies tista’ tara veduta sabiħa tal-postijiet ta’ madwar. Tista’ tara nofs Malta mill-Imdina.
L-Imdina kellha l-isem ta’ Citta Notabile wkoll. Ingħatalha dan l-isem għax ir-Re Alfonsu ħamsa ta’ Spanja kien għolla d-dinjita’ tagħha meta sejħilha ġawrha prezzjuża tal-kuruna tiegħu.
Issa aħsbu sew min huma dawn: Ninsab fuq għolja fin-nofs ta’ Malta. L-Imdina Tajna l-isem lil din il-belt u baqa’ hekk sal-lum. L-Għarab L-Arċisqof Pawlu Cremona Għandi l-palazz tiegħi ħdejn il-Katidral.
Issa aħsbu sew min huma dawn: Imsemmi għal Gran Mastru Vilhena u llum jiena l-Mużew tal-Istorja Naturali. Il-Palazz Vilhena Ġejna mibnija biex niddefendu l-Imdina. Swar Il-Katidral hu ddedikat lili. San Pawl
Issa aħsbu sew min huma dawn: San Publiju, San Pawl u Sant’ Agata Aħna t-tliet protetturi ta’ Malta. Il-Perit Francois Mondion. Ftaħt il-bieb prinċipali tal-Imdina. Dari kont torri tal-għassa, illum inservi ta’ uffiċju ta’ informazzjoni għat-turisti. It-Torri tal-Istandard
Ħarsu lejn dawn ir-ritratti ta’ bini importanti ġewwa l-Imdina u għidu liema huwa. Għidu xi ħaġa dwarhom ukoll.
Ħarsu lejn dawn ir-ritratti ta’ bini importanti ġewwa l-Imdina u għidu liema huwa. Għidu xi ħaġa dwarhom ukoll.
Ħarsu lejn dawn ir-ritratti ta’ bini importanti ġewwa l-Imdina u għidu liema huwa. Għidu xi ħaġa dwarhom ukoll.
Attivita’ f’pari F’pari, agħmlu lista ta’ dawk l-affarijiet li tgħallimtu llum dwar l-Imdina. Wara aqsmuhom mal-kumplament ta’ sħabkom u araw x’lista toħolqu lkoll flimkien.
Tmiem Minn Elaine Muscat u l-Istudenti tal-Ħames sena. Kulleġġ San Benedittu Primarja Mqabba.